POEŻIJA GĦAL ŻMIEN COVID-19
Monday 20 April 2020
POEŻIJA GĦAL ŻMIEN COVID-19
Antoine Vella
L-imxija tal-COVID-19 tassew li laqtitna lkoll fil-laħam il-ħaj għaliex ħarbtitilna kollox. Sakkritna (mhux lil kulħadd milli jidher!) fi djarna, ċaħħditna mir-rutini tagħna u mill-kuntatt mal-oħrajn. Ma jistax jonqos li din is-sitwazzjoni bla preċedent, biex nuża espressjoni li nisimgħuha ta’ kuljum fuq il-mezzi tax-xandir, laqtet ukoll l-interess ta’ bosta poeti u kittieba Maltin.
Dan l-aħħar ittellgħet fuq is-sit elettroniku ta’ Malta Today poeżija li kiteb Immanuel Mifsud bl-isem “Il-Blata Tagħna”. Ta’ min jaqraha u jixtarrha fid-dawl ta’ dak li qed jiġri madwarna. Magħha hemm ukoll vidjow qasir.
Il-Blata Tagħna
Din hija l-blata, mixħuta kważi bl-addoċċ f’nofs baħar li jsaħħar lil kulħadd; li l-poeti tagħna qalulna li ma jixjieħ qatt.
Dil-blata hija tagħna, wilditna eluf ta’ snin ilu, għamlitna dak li aħna, għaġnitna fid-dawl ta’ qmura qodma, bis-sħana ta’ xemx antika.
Tellajna l-ħaġar b’qima kbira, u bdejna nibnu storja bil-kuluri, b’ħafna lwien: fl-imqades u l-imsieraħ, fit-toroq li wassluna lejn il-bliet.
Illum vojta, aktarx qed jistennewna ħa nkomplu b’dar-rakkont li bdewh missirijietna u ommijietna.
Dan skiet mill-aktar stramb, miksur biss mir-riħ u mill-għasafar.
Skiet li, ejja ngħiduha, konna nsejnieh u llum nistgħu ngħidu li kienet ħasra.
Dat-toroq qed jgħidulna li qegħdin jistennew li għada jew pitgħada nerġgħu lura.
U la nerġgħu ninżlu f’dat-toroq, f’dawn l-imsieraħ, f’dawn il-pjazez, se ninżlu nkomplu dak li nbeda qabel.
Se ninżlu bil-kwiet u bir-rispett, lejn ta’ qabilna, lejn din il-blata, lejn din il-blata tagħna.
Immanuel Mifsud
Ħajr lill-ġurnalist Karl Azzopardi