Back to News

POEŻIJA GĦAL ŻMIEN COVID-19 (video)

POEŻIJA GĦAL ŻMIEN COVID-19

Monday 20 April 2020

POEŻIJA GĦAL ŻMIEN COVID19 

Antoine Vella

L-imxija tal-COVID-19 tassew li laqtitna lkoll fil-laħam il-ħaj għaliex ħarbtitilna kollox. Sakkritna (mhux lil kulħadd milli jidher!) fi djarna, ċaħħditna mir-rutini tagħna u mill-kuntatt mal-oħrajn. Ma jistax jonqos li din is-sitwazzjoni bla preċedent, biex nuża espressjoni li nisimgħuha ta’ kuljum fuq il-mezzi tax-xandir, laqtet ukoll l-interess ta’  bosta poeti u kittieba Maltin.

Dan l-aħħar ittellgħet fuq is-sit elettroniku ta’ Malta Today poeżija li kiteb Immanuel Mifsud bl-isem “Il-Blata Tagħna”. Ta’ min jaqraha u jixtarrha fid-dawl ta’ dak li qed jiġri madwarna. Magħha hemm ukoll vidjow qasir.


Il-Blata Tagħna

Din hija l-blata, mixħuta kważi bl-addoċċ f’nofs baħar li jsaħħar lil kulħadd; li l-poeti tagħna qalulna li ma jixjieħ qatt.

Dil-blata hija tagħna, wilditna eluf ta’ snin ilu, għamlitna dak li aħna, għaġnitna fid-dawl ta’ qmura qodma, bis-sħana ta’ xemx antika. 

Tellajna l-ħaġar b’qima kbira, u bdejna nibnu storja bil-kuluri, b’ħafna lwien: fl-imqades u l-imsieraħ, fit-toroq li wassluna lejn il-bliet. 

Illum vojta, aktarx qed jistennewna ħa nkomplu b’dar-rakkont li bdewh missirijietna u ommijietna.

Dan skiet mill-aktar stramb, miksur biss mir-riħ u mill-għasafar. 

Skiet li, ejja ngħiduha, konna nsejnieh u llum nistgħu ngħidu li kienet ħasra. 

Dat-toroq qed jgħidulna li qegħdin jistennew li għada jew pitgħada nerġgħu lura.

U la nerġgħu ninżlu f’dat-toroq, f’dawn l-imsieraħ, f’dawn il-pjazez, se ninżlu nkomplu dak li nbeda qabel.

Se ninżlu bil-kwiet u bir-rispett, lejn ta’ qabilna, lejn din il-blata, lejn din il-blata tagħna.

Immanuel Mifsud


Ħajr lill-ġurnalist Karl Azzopardi

 

Dwardu's Scoops

A monthly update on the activities and events at the college. Dwardu's Scoops lets you see what your children have been up to in their academic achievement, physical development and creative abilities. It also features occasional interviews with Old Edwardians as well as aspects of college life from the past.

"*" indicates required fields